Statwi u Monumenti

San Pawl

Din l-istatwa saret fl-1881 bil-ġbir minn fost il-poplu Qormi. Meta ġiet inawgurata, saret priedka ta’ l-okkażjoni mill-viċi parrokku tal-parroċċa, Dun Salv Schembri. L-isqof Qormi Mons Carmelo Scicluna ta indulġenzi lil kull min jitlob quddiemha.

 

Statwa San Ġorġ

Din l-istatwa twaqqfet fl-1870 u fl-1923, l-Arċisqof Dom Mawro Caruana kien ta xi indulġenzi lil kull min jitlob quddiemha.

Statwa ta' San Sebastjan

L-imxija tal-pesta li ħakmet lil Malta fl-1813-4, għamlet ħerba f’Ħal Qormi fejn mietu ‘l fuq minn 720 ruħ. Kien għalhekk li L-Qormin wegħdu li jtellgħu f’tarf ir-raħal (għax hekk kien f’dak Iż-żmien) statwa ta’ San Bastjan, protettur kontra mard jittieħed. Fl-1815, twaqqfet din l-istatwa, xogħol l-aħwa Franġisku u Ġlormu Fabri mill-Birgu. Tbierket mill-Kappillan qormi Dun Pietru Pawl Psaila. Din l-istatwa tat l-isem tal-knisja li hawn biswitha u, aktar tard, lill-parroċċa li qegħda fiha.

Madonna ta' Lourdes

Saret għal ħabta tal-1906 b’devozzjoni ġdida li kienet bdiet bid-dehriet tal-Madonna f’Lourdes fl-1858. Hi xhieda ta’ kemm din id-devozzjoni daħlet fi ftit snin fost il-Qormin.

Madonna tar-Rużarju

Hi xogħol ta’ l-iskultur Ċensu Decandia fl-1888. Din saret minn flus Wiġi Frendo bħala ringrazzjament li hu u l-familja tiegħu ma ntlaqtux mill-imxija tal-kolera  li laqtet Malta fl-1887.

F’Ħal Qormi  kienu mietu 25 ruħ biss minn total ta’ 435 għal Malta kollha.

 

Is-Salib tal-Vitorja u l-Istatwa ta' San Ġużepp

Dan is-salib fuq kolonna, sar fl-1688 biex ifakkar li f’din il-lokalita’ kien hawn erba’ kappelli li ġew dekonsagrati mill-Isqof Balaguer fl-1656.

Dawn kienu dedikati lil Santa Marija, San Pawl, Santu Rokku u San Anard li saru artali dedikati lilhom fil-knisja tal-Vitorja.

Wara dan is-salib hawn statwa sabiħa ta’ San Ġużepp, xogħol ta’ l-iskultur Ċensu Decandia fl-1889.