Previous slide
Next slide

Ħal Qormi (Ċitta’ Pinto) hija l-akbar lokalità f’Malta u tinsab bejn Wied is-Sewda u Wied il-Kbir, fejn mill-Marsa kien joħroġ ilma baħar li kien jgħarraq parti kbira mill-post. Partijiet minn dan ir-raħal jinsabu taħt il-livell tal-baħar, bejn l-għoljiet tal-Ħamrun, tas-Samra, ta’ Ħaż-Żebbuġ u ta’ Santa Venera. F’diversi partijiet ta’ Ħal Qormi instabu diversi oqbra maqtugħin fil-blat bi fdalijiet umani u tal-fuħħar. Dawn il-fdalijiet, li jmorru lura għażżminijiet Feniċi u Puniċi, jagħtu xhieda ta’ komunità żgħira f’dawk iżżminijiet. Li kieku kien hemm żona abitata fi żmien ir-Rumani fil-post li llum magħruf bħala Ħal Qormi, din setgħet kienet biss abitazzjoni żgħira. 

Il-Biżantini segwew wara r-Rumani iżda ma nafu kważi xejn dwar dan il-perjodu. L-Għarab warajhom, ma ħallew xejn ta’ importanza ħlief kunjomijiet u ismijiet. Ħal Qormi nsibuh dokumentat fil-Medju Evu tardiv fil-lista tal-milizzja tal-1417 fejn issemmew il-postijiet tal-gwardja. Ir-residenti ta’ Ħal Qormi kienu jgħassu l-Imdina, San Ġiljan, Tas-Sliema u fejn illum insibu Sant’Iermu. Numru konsiderevoli ta’ nies minn Ħal Qormi matul il-Medju Evu tardiv kienu bdiewa li kienu jaħdmu fl-għelieqi ħdejn ir-raħal.