Il-Loġġa ta’ Pinto
Il-loġġa ta’ Pinto tinsab fil-pjazza ħdejn il-knisja parrokkjali ta’ San Sebastjan f’Ħal Qormi, fejn skont it-tradizzjoni l-Gran Mastru Fra Manuel Pinto de Fonseca kien joqgħod fid-dell waqt it-tiġrijiet taż-żwiemel. Il-loġġa nbniet fl-1772, meta Pinto ċċelebra l-31 sena tiegħu bħala Granmastru tal-Ordni ta’ San Ġwann. Din il-loġġa hija magħmula minn erba’ kolonni li huma msaqqfa, u fuqha hemm l-arma ta’ Pinto u l-iskrizzjoni bil-Latin li tgħid: ‘Niċċelebra 31 sena bħala Granmastru’. Din il-loġġa kienet tifforma parti minn bini akbar li kien fih l-istalel tal-kavallieri. Din il-binja twaqqgħet u l-pjazza ta’ maġenb ġiet riabilitata u ssemmiet il-Pjazza tal-Granmastru. Kull sena fil-25 ta’ Mejju, Jum Ħal Qormi, il-Kunsill jorganizza serata mużiko-letterarja, b’din il-loġġa bħala sfond. Din il-loġġa ġiet restawrata fl-2002 u saret is-simbolu, jew monument ta’ Ħal Qormi.
Il-Mitħna ta’ Ħal Qormi
Il-Mitħna Maltija hija fl-istruttura u t-tqassim tagħha simili għal dik tal-Gżejjer Baleariċi. Din is-similarità mhix b’kumbinazzjoni, peress li kien il-Granmastru Cotoner, imwieled f’Majorca, li ħeġġeġ il-bini tagħhom. Il-mitħna tikkonsisti f’torri ċentrali li madwaru numru ta’ kmamar jiffurmaw il-bażi rettangolari tal-mitħna stess. Dawn il-kmamar servew bħala ż-żona tal-ħażna u post fejn kienet tgħix il-familja li kienet tħaddem il-mitħna. L-apparat tat-tħin jinsab fil-parti ta’ fuq tat-torri ċirkolari.
Il-mitħna ta’ Ħal Qormi ma kellhiex raddiena għall-fatt li ma kinitx tintlaħaq mir-riħ, minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha.
Id-Dar ta' Stanislaw Gatt
Din id-dar inbniet fis-seklu tmintax u fiha kien joqgħod l-ispiżjar Stanislaw Gatt (c. 1743-1811) li kien ġurat (177 –1780) u Sindku (1781-1783, u 1797) ta’ Ħal Qormi. Gatt kien ukoll President tal-Muniċipalita’ ta’ Ħal Qormi u Ħal Luqa fl-1798, Iżda mbagħad kien mexxej ewlieni ta’ Ħal Qormi kontra l-Franċiżi bejn l-1798 u l-1800. Gatt kien ukoll ir-rappreżentant Qormi fil-Kungress Malti. Din id-dar baqgħet b’sular wieħed iżda għandha kantina estensiva taħtha.
Is-Salib tad-Dejma
Id-Dejma kienet milizzja Maltija magħmula min-nies ċivili. L-iżjed referenza bikrija għad-Dejma hi tal-1462. L-attakki mill-furbani kienu xi ħaġa komuni fiż-żmien Medjevali. Dawn mhux biss kienu jaqbdu xi xwieni jew dgħajsa, imma kienu ukoll jinżlu f’xi xatt, joqtlu lil kull min jiqfilhom, u jisirqu dak kollu li jgħodd għalihom u saħansitra jaħtfu ħafna nies u jkaxxkruhom magħhom bħala lsira. Għalhekk il-Maltin kellhom iwaqqfu xi forma ta’ difiża.
Mal-miġja tal-Ordni ta’ San Ġwann, billi l-milizzja Maltija ma’ kinitx istituzzjonalizzata, il-Kavalieri assorbewha bħala parti mid-difiża tagħhom. It-tmexxija kienet f’idejn il-Kavallieri li kienu jorganizzaw u jdaħħlu tibdil kif ikun hemm bżonn. Ir-riġmenti tal-kampanja kollha kienu jaqgħu taħt il-kmand ta’ kavallier ta’ grad għoli msejjaħ seneskalku.
L-irġiel minn tmintax sa sittin sena kellhom jidħlu fid-dejma u jagħtu sehemhom fid-difiża bilfors. L-armata kienet maqsuma f’għadd ta’ ġemgħat daqs kemm kien hemm parroċċi jew irħula dak iż-żmien. Il-kaptan tad-Dejma taż-żwiemel kien magħruf bħala Kavabuzz. In-nobbli, l-kbarat u l-għonja kellhom iżommu żwiemel għat-taqbid. Il-kapijiet tal-familji kellhom iżommu fi djarhom vleġeġ, żbandoli, lanez, sjuf, alabardi, xwabel, puntini u maż-żmien ukoll arkibuġji u joħorġu huma u uliedhom kull meta tissejjaħ in-nafra. In-nafra kienet is-sejħa għat-taqbid.
F’xi rħula twaqqfu armeriji fein kienu jinġabru l-armi tal-irħula tal-qrib biex ikunu aktar fiż-żgur u jinżammu f’kundizzjoni tajba. Wieħed mill-fizzjali kien jieħu ħsieb l-armerija u kien ikun hemm ukoll armatur ii jieħu ħsieb li l-armi jkunu servibbli f’każ ta’ bżonn.
Fl-l738 id-Dejma kienet maqsuma f’diversi riġmenti. Kien hemm il-kumpaniji tal-ibliet u r-riġmenti tal-kampanja. Dawk tal-kampanja kienu Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ, Birkirkara, Naxxar, Żejtun u Ħal Luqa.
F’każ li jkun mistenni attakk kbir, kien hemm arranġamenti iżjed komplessi. L-ewwel pass kien li s-suldati tad-Dejma kienu jinġabru ħdejn is-Salib tad-Dejma biex jirċievu l-ordnijiet malli jisimgħu il-kanun jew il-qniepen.
L-Armerija
Dan hu bini tas-seklu tmintax, jiġifieri tellgħuh fi żmien il-kavallieri ta’ San Ġwann, li użawh bħala armerija. Sa madwar 70 sena ilu, kien użat bħala skola primarja. Għandu elevazzjoni b’panewijiet artikolati sew b’żewġ twieqi fuq kull naħa tal-bieb ċentrali, b’faxxa lixxa. Meta nbena, dan is-sit kien f’tarf ir-raħal. Fl-1797, il-patrijott Malti, Mikiel Anton Vassalli, kien imdaħħal f’komplott biex jinsterqu xi armi minn din l-armerija sabiex iseħħ qawmien kontra l-Kavallieri. Izda l-komplott falla.
Din il-binja llum isservi bħala Għassa tal-Pulizija.
