Palazzo Stagno
Il-Palazz Stagno (Palazzo Stagno) inbena fl-1589 iżda mhux magħruf ħafna dwar il-familja li għexet fih. Il-familja Stagno kienet ġejja minn Messina fi Sqallija, u meta wieħed jiġġudika mid-daqs tal-palazz, żgur li kienet għonja mhux ħażin. Matul il-perjodu li nbniet, Malta kienet taħt il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm, li ġew hawn fl-1530 u damu għal aktar minn 200 sena. Fil-fatt, jingħad li l-palazz kien ir-residenza fil-kampanja ta’ wieħed mill-Kavallieri li kien imiss biex jieħu post il-Gran Mastru. Plakka barra l-palazz ttellgħet mill-kunsill lokali ta’ Ħal Qormi (Ċitta’ Pinto) li tixhed l-istatus tiegħu bħala waħda mill-eqdem djar fl-inħawi.
Il-palazz huwa bini imponenti. Il-kmamar kbar u arjużi tiegħu jdawru bitħa interna enormi fil-pjan terran li tippermetti aċċess għal terrazzi li jagħtu ħarsa lejn il-ġnien. Fuq, il-palazz għandu kappella u kamra tat-twelid u anke taraġ spirali li jwassal għal turretta li tagħti veduti mill-bogħod tal-Imdina u l-Belt Valletta.
Fil-ktieb tiegħu ‘The Building of Malta during the period of the Knights of St. John of Jerusalem 1530-1795’, Quentin Hughes jgħid li “it-tinqix fuq il-faċċati tal-palazz Stagno huma mill-aktar oriġinali u interessanti. Il-forom Melitani huma saħansitra aktar ħoxnin u aktar bulbużi mis-soltu, iżda huma magħquda b’mod stramb ma’ dekorazzjoni tal-weraq imnaqqxa b’mod delikat fuq il-mensoli li jsostnu l-pedimenti tat-twieqi. Dawn il-mensoli jistrieħu fuq irjus grotteski u pilastri tal-pannelli dojoq għoljin li jinsabu mal-arkitravi tat-twieqi”.
Id-dekorazzjoni arkitettonika ta’ dan il-palazz hija waħda għanja. It-tinqix ta’ dawn il-friżijiet ifakkar aktar ix-xogħol kolonjali Spanjol mill-Perù jew il-Messiku minn kull ħaġa li normalment tkun assoċjata ma’ Malta. L-irjus għandhom dehra feroċi li joħolqu ċerta biża’.
Minbarra dan it-tinqix partikolari, il-palazz joffri diversi ammirazzjonijiet arkitettoniċi u meravilji oħra intriganti. It-twieqi u l-bibien huma mqiegħda mingħajr ebda tentattiv ta’ simetrija u l-ebda waħda mill-167 apertura mhi tal-istess daqs. Il-ġnien kien imħaffer fil-blat u l-ġebel intuża biex jinbena l-palazz kif ukoll, jingħad, il-knisja ta’ San Ġorġ fil-qrib. Fil-ġnien hemm tlett ibjar, fosthom wieħed mill-akbar bjar f’forma ta’ koppla fil-gżira. Diversi leġġendi jinvolvu dan il-palazz misterjuż. Waħda mill-aktar magħrufa hija l-istorja ta’ kif il-knisja ta’ San Ġorġ bdiet tinbena fil-post preżenti tagħha, minflok fiċ-ċentru tar-raħal.
