Is-Santwanta Marija tal-Ħlas
Fl-inħawi ta’ Tal-Ħlas, li tinsab ġol-konfini ta’ Ħal Qormi nsibu knisja ddedikata lill-Madonna tal-Ħlas, li f’dokumenti antiki tal-vizti pastorali, nsibu li kienet tissejjaħ Tal Chilas Cioe Della Liberatione. Huwa mifhum li din l-art ħadet isimha bħala Tal-Ħlas, minn din il-knisja żgħira ddedikata lill-Madonna della Liberazione. Din il-knisja ilha tiġbed devozzjoni lejha mis-sena 1495, fejn allavolja kienet nieqsa minn kull rikezzi kienet tiġbed l-attenzjoni tal-bdiewa u poplu Qormi, li għalhekk madwar l-1560 din reġgħet itellgħet mill-ġdid minn Fra Kristofru Mangodoin, t-Teżorier ta’ l-Ordni. Dan it-teżorier, ħdejn il-knisja bena dar għar-rettur tagħha. Fl-1573 kien tqiegħed kwadru ta’ Santa Marija fuq l-injam, li dan insibuh fil-mużew parrokjali, li tħallas mill-benefattur tal-knisja, l-Kavallier Montgaurdi (fih tidher l-arma tiegħu). F’ din il-knisja konna nsibu diversi kwadri oħra, li uħud minnhom ittieħdu biex tiżżejjen is-sagristija tal-knisja ta’ San Ġorġ. Mill-Vista Pastorali ta’ l-1615, l-Isqof Balaguar juri li ħdejn il-knisja kien hemm ċimiterju. Fl-1690 reġgħet ġiet mtellgħa mill-ġdid fuq disinn ta’ Wenzu Gafa (s-sagristija tal-lum), li żmien wara nbena portiku / logga, iżda ma nafux jekk kienx fuq id-disinn ta’ Gafa. Dan il-portiku serva biex fiha n-nies jistrieħu wara l-mixja twila sabiex jaslu s-Santwarju.
Il-Knisja fuq wara għandha kampnar wieħed bi 3 qniepen. Is-saqaf huwa wieħed tond u mibni b’volti mibnijin bil-ġebel, li huma mserrħa fuq il-kustilji; ħnejjiet kbar li saru biex jagħtu aktar saħħa lis-saqaf troll. Ta’ min jinnota li l-istil tas-saqaf jixbah dak tal-knisja parrokkjali u knejjes oħra madwar Malta, li wisq probabbli nbnew fl-istess żminijiet – 1486. F’din il-kappella nsibu lavabo li huwa speċi ta’ buqar kbir tal-ġebel bi fliskatur taħtu sabiex jilqa l’ilma li joħroġ minn vit tar-ram. Dan kien jintuża sabiex il-qassis jkun jista’ jaħsel idejh qabel u wara l-quddiesa, li dan jintela’ mis-sagristan minn xi bir viċin. Faċċata tal-lavabo hemm garigor li jwasslek sa fuq il-bejt tal-knisja, fejn insibu kampnar imdaqqas b’żewġt iqniepen. Fuq il-qanpiena l-kbira hemm l-annu 1699 u l-arma ta’ l-Isqof Cocco Palmieri. Mal-ġenb tal-knisja iħarsu lejn il-punent nsibu 2 imwieżeb, li dawn jservu biex jgħaddi l-ilma tax-xita ‘l barra mill-knisja. Il-biċċa l-kbira tal-knejjes medjevali kellhom dan it-tip ta’ miżieb imwaħħal mal-ġnub tagħhom, li dan jurik x’tip ta’ nies tas-sengħa kienu qed jaħdmu fil-knisja f’dawk iż-żminijiet bikrin. Mal-faċċata tal-knisja nisbu mnaqqxa l-arma tal-Papa Klement XI, li probabbli saret fl-1700 sabiex jikkommemoraw l-ħatra tiegħu bħala suċċessur ta’ San Pietru jew inkela għaliex il-Papa pproklama l-knisja bħala appartenenti ‘l Ħal Qormi. Din il-knisja hi miksija b’għadd ġmielu ta’ graffiti storiċi, mħaffrin fuq il-wiċċ tal-ġebla li jirrapprezentaw l-istorja bħal xwieni, dgħajjes tal-qlugħ, idejn, dati storiċi u antiki (probabilment magħmula mill-ħaddiema waqt li kienet qed tiġi mibnija l-knisja). Fatt kurjuż hi li fejn jidħol ix-xini, nstabu graffiti oħra fuq il-bejt tal-knisja parrokjali ta’ San Ġorġ, li jistgħu ikunu l-istess nies li għamlu dan ix-xogħol. Mal-faċċata, ħdejn il-bieb prinċipali, wieħed isib irħama bil-kliem bil-Latin, Non Gode L’Immunita Ecclesias, li ssibha ħafna f’kappelli rurali. Din ġiet magħmula fuq digriet ta’ l-Isqof Gaetano Rull fit-30 ta’ Mejju 1761, li tfisser li l-knisja m’għadx għadha tagħti protezzjoni lil min jaħrab il-liġi. Ħdejn il-knisja hemm statwa tal-ġebel, xogħol Vincenza Decandia fl-1868 li tħares fid-direzzjoni tal-knisja parrokjali.
Għal xi żmien din il-knisja kienet tissejjaħ ukoll bħala Santa Marija tas-Sewda, li jingħad li ħadet l-laqam tal-familja li wirtu din il-knisja. Waħda mit-tradizzjonijiet għall-isem ta’ din il-knisja tgħid li bis-saħħa tal-Madonna ksiebna l-ħelsien mill-Iskjavitu tas-Saraċini. Tradizzjoni oħra tgħid li dawk in-nisa li jkunu ser isiru ommijiet jitolbu l’Madonna biex ittihom ħlas b’wiċċ il-ġid. Id-Devozzjoni tant kienet qawwija li dawk li jkunu qalgħu grazzja, kienu joffru kwadri ex-voto bħala ringrazzjament. Il-kwadru titulari tal-kappella huwa xogħol Francesco Zahra, li nħadem fl-1773 u sar b’wegħda ta’ persuna devota li jirrapreżenta t-tlugħ ta’ Santa Marija fis-sema. Fl-apisede hemm pittura li turi l-Inkoronazzjoni tal-Madonna li saret fl-1719 mill-pittur Neriku Arnaud. Hi ħaġa tal-kurżita kif din tinsab fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ iżda hija amministrata mill-parroċċa ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi. Waħda mill-leġġendi tgħid li ż-Żebbuġin u l-Qormin tlewmu fuq lil min tippartjeni, u kif marru quddiem l-imħallef dan saqsihom liema naħa tħares il-kappella. Dawk preżenti wieġbu li lejn Ħal Qormi, għalhekk l-imħallef qal li hija tal-Qormin. Normalment il-festa ssir Ħadd fuq jew qabel il-15 ta’ Awwissu b’funzjoni liturġiċi, fiera, logħob tan-nar u ġieli tinġieb ukoll banda.
Kappella Santa Katerina
Il-kappella ta’ Santa Katarina li nsibu illum mhix l-istess waħda li zar Mons. Dusina fl-1575 għax il-knisja preżenti tħares lejn il-Lvant, u ta’ qabilha x’aktarx li kienet tħares lejn il-Punent. Fl-1575, allavolja il-kappella kienet nieqsa minn ħafna ħwejjeġ, kont issib bieb tal-injam, pittura titulari fuq l-injam u x’aktarx kellha saqaf ċatt bi tlett arkati.
Il-kappella preżenti nbniet qabel l-1678 iżda l-pittura titulari saret fl-1631 għax tħallset minn legat li kien ħalla Agostino Bonavia.
Il-Kappella ta' Santa Marija tal-Qrejqċa
Fi Triq Santa Katerina nsibu kappella ddedikata lill-Madonna tal-Qrejqċa. Fl-1575 kien hemm ġa kappella oħra, iżda dwarha ma nafu xejn ħlief li kienet nieqsa minn ħafna affarijiet, bħal paviment. Fl-1615 tħalliet renta ta’ 25 skud minn għalqa magħrufa ‘Ta’ Ximesi’ minn Giovanni Marija Cassia. Il-kappella li nafu llum nbniet madwar l-1650 mis-sid, Baruni Ġjaċintu Cassia. Il-kappella preżenti fiha artal wieħed u ftit ta’ snin ilu kien sarilha restawr estensiv. It-titular jinsab fil-knisja parrokjali ta’ San Ġorġ.
L-isem tal-Qrejqċa ingħata peress li fl-imgħoddi nies fqar kienu jagħmlu l-vistu tas-sebgħa Santa Marijiet li dak iż-żmien kienu fil-limiti ta’ Ħal Qormi. Dawn il-visti kienu jispiċċaw f’din il-kappella fejn il-prokuratur tagħha kien joqtol u jsajjar majjal u jqassmu biċċa lil kull pellegrin biex jitrejjaq wara l-mixja twila. Billi x-xaħam tal-majjal meta jinqela jħalla l-qarquċa, allura kull pellegrin kien imissu qrejqċa.
.
Kappella San Franġisk De Paule
Din il-knisja ddedikata lil San Franġisk de Paola, ġiet mibnija fuq disinn Mastru Indri Psaila u mill-flus Franġisk Casha Cuschieri Testaferrata u ibnu Dun Ġorġ fl-1707. Il-pittur tal-kwadru titulari mhux magħruf, li qablu kien hemm ieħor li kien jinsab fis-sagristija. Fil-ġenb tal-knisja hemm kwadru tal-Kunċizzjoni li jingħad li meta l-Franċiżi ġew Ħal Qormi, fl-1798 daħlu fil-knisja u taqbuh bil-ponot tax-xwabel.
Bħala arkitettura, fil-ġenb tat-titular hemm żewġ kwadri fit-tond, tal-Kunċizzjoni u ta’ San Lwiġi Gonzaga. Insibu wkoll ta’ Santa Katarina, San Mark Evanġelista, Sant’ Andrija u Sant’ Anna, li dawn kollha jinsabu taħt il-lunetti tal-koppla. Fuq il-bibien li jagħtu għal fuq l-orgni u għall-karnierja nsibu żewġ kwadri oħra, dak ta’ San Ġorġ u ieħor ta’ Sant’ Antnin Abbati. F’din il-knisja hemm żewġ artali, tan-nofs iddedikat lil San Franġisk u l-ieħor tax-xellug hu ddedikat lill-Madonna ta’ Lourdes, li fuqu hemm statwa tal-kartapesta li tirrapreżenta l-Madonna. l-knisja għandha sagristija u fuqha hemm kamra fejn jerfgħu l-affarijiet u ritratt ta’ wieħed mill-fundaturi, Dun Ġorġ Casha Cuschieri Testaferrata.
Fi żmien il-gwerra il-knisja serviet ta’ maħżen fejn jintrefgħu oġġetti neċessarji għall-ikel.
Il-Kappella tal-Lunzjata
Fi Pjazza San Franġisk wieħed jista’ jsib il-kappella ddedikata lill-Madonna tal-Lunzjata. Fl-1575, kienet ġa mibnija l-ewwel knisja, iżda fis-snin 1650 ġiet profonata mill-Isqof Balaguer peress li kienet fi stat ħażin ħafna. Fl-1663 nbniet mill-ġdid Leonardo Galdes li ħallieha xi renti, u fl-1759 reġgħet twaqqet u nbniet mill-ġdid minn flus Petruzzo Xuereb u ibnu Pawlu għall-ħabta tal-1790 fejn ġiet mibnija b’artal u b’sagristija.
Qabel ma nbniet kien hemm l-inkwiet mal-familja Casha, li kellha l-ġuspatronat tal-knisja ta’ San Franġisk għax dawn ma ridux li ż-żewġ knejjes imissu ma xulxin.
Din il-kappella tħalliet fl-amministrazzjoni tal-Fratellanza tas-Sagrament, fejn illum il-ġurnata tintuża għall-armar tal-festa.
Il-Kappella Santa Marija tal-Blat
Il-Knisja ta’ Santa Marija tal-Blat, issejħulha hekk billi hawn il-blat tat-triq kien fil-wiċċ. Milli jidher fl-1575 kienet diġa teżisti, iżda kienet nieqsa minn ħafna ħwejjeġ, iżda fl-1634 tħalliet renta minn Paoluccio Galdes. Il-kappella li nsibu illum inbniet fl-1644 u quddiemha hemm statwa li tirrapreżenta lil Santa Marija. Hija għandha artal wieħed, kampnar wieħed, u qanpiena. Minn ħdejn din il-kappella tibda l-purċissjoni tal-Palm, nhar ta’ Ħadd il-Palm filgħodu. Fiha nsibu midfun il-gisem tal-Venerabbli Serv t’Alla, Patri Frangisk Rinaldet tal-Minuri Konventwali, li kien miet fil-pesta ta’ l-1676 u ttieħed waqt li kien qed jassisti lill-morda f’Lazzarett
Kappella San Pietru
Qabel din il-kappella li hi ddedikata lil San Pietru Appostlu, kien hemm kappella oħra li ġiet mibnija fis-seklu 15, li meta Mons. Dusina għamel żjara, sab li kienet nieqsa minn kollox bħal bibien, rentu, rettur u ħwejjeġ oħra essenzjali għaċ-ċelebrazzjoni tal-kult reliġjuż ħlief artal. Il-kappella li nafu llum nbniet minn Dun Pietru Casha fl-1656, li ftit tas-snin ilu ġiet restawrata u għadha tintuża regolarment.
