Ġeografija u Storja

Dwar Ħal Qormi

Ħal Qormi (Ċittà Pinto) hija belt b’popolazzjoni ta’ madwar 17,500 ruħ li tagħmilha t-tielet l-akbar lokalità f’Malta. Il-belt tinsab fil-Lbiċ tal-Belt Valletta, fiċ-ċentru ta’ Malta. Il-bliet li jmissu ma’ Ħal Qormi huma l-Marsa, Ħal Luqa, Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, il-Ħamrun, Birkirkara, Ħ’Attard, Santa Venera u Ħal Balzan. 

Ħal Qormi għandu żewġ parroċċi, waħda ddedikata lil San Ġorġ u oħra lil San Sebastjan. Hemm ukoll żewġ widien ewlenin f’Ħal Qormi, Wied il-Kbir u Wied is-Sewda, li jaslu sa Wied iċ-Ċawsli fil-Marsa. 

L-isem Ħal Qormi aktarx ġej mill-kunjom Curmi, li hu dokumentat fi Sqallija mill-1095. Diversi postijiet oħra f’Malta jieħdu isimhom minn kunjomijiet, fosthom Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ħal Għaxaq. Meta ‘Qormi’ jissemma għall-ewwel darba, fis-sena 1419, kienu jgħixu fir-raħal żewġ persuni biss minn għoxrin bil-kunjom Curmi. 

Etimoloġiji folkloristiċi oħrajn ġew imressqa mis-seklu 17. Domenico Magri jgħaqqad it-toponimu mal-kelma ‘curmi’ bħala ‘xarba’. G.F. Abela jirreferi għal ‘carm’ jew ‘carme’ bħala t-terminu Għarbi għad-dielja bħala l-oriġini tal-isem tar-raħal. Agius de Soldanis ippropona l-kelma Griega għal ġbir ta’ ilma ‘crumi’. Fl-aħħar C. Scicluna jxebbaħ mal-Grieg ‘hormos’, port, hekk kif il-Port il-Kbir kien imur ġewwa l-art sa Ħal Qormi. Fiż-żewġ każijiet tal-aħħar, m’hemm l-ebda evidenza dokumentata għal xi oriġini Griega tat-toponimu.